
Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, il-Ħamis ta bidu għall-EU Code Week. Pajjiżna se jkun qiegħed għal darb’oħra jingħaqad ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea fl-EU Code Week. Bejn l-14 u s-27 ta’ Ottubru se jkunu qegħdin jiġu offruti diversi sessjonijiet ta’ diskussjonijiet kif ukoll korsijiet għad-dinja diġitali ta’ llum il-ġurnata.
Din l-inizjattiva Ewropea ssaħħaħ l-kreattività, permezz ta’ programmi diġitali bl-użu tat-teknoloġija avvanzata. Kif ukoll permezz ta’ workshops se jkun qiegħed isir tagħlim tal-programming lill-istudenti sabiex aktar nies jersqu lejn din id-dinja moderna.
Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Diġitali qiegħed jiddedika x-xahar ta’ Ottubru għall-innovazzjoni, fejn fost oħrajn se jkunu qed jittellgħu erba’ avvenimenti kbar. Startup Festival u TechXpo, il-ġimgħa d-dieħla mis-17 sa 19 ta’ Ottubru fl-MFCC, Playcon bejn l-24 u s-27 ta’ Ottubru fl-MFCC ukoll u l-Global Innovation Forum bejn it-28 u 30 ta’ Ottubru fil-Belt Valletta.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li fil-qasam tal-innovazzjoni fl-aħħar snin pajjiżna għamel passi kbar ’il quddiem fejn fost oħrajn qegħdin fil-ħames post fid-Desi report fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. “Nemmen li kapaċi nkunu fost l-aqwa tliet pajjiżi, għalhekk għad baqgħalna x’naħdmu u għandna bżonn aktar żgħażagħ u tfal li jersqu lejn suġġetti teknoloġiċi, li fis-snin li ġejjin se jkomplu jiżviluppaw b’mod mgħaġġel ħafna. Huwa għalhekk li inizjattiva bħall-EU Code Week hija neċessarja,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Huwa ħeġġeġ ukoll lill-pubbliku biex is-Sibt 19 ta’ Ottubru, jattendi għat-TechXpo f’Ta’ Qali fejn ikunu jistgħu jesperjenzaw it-teknoloġija u l-innovazzjoni li diġà tinsab f’setturi differenti f’pajjiżna.
Carm Cachia, Chief Administration Officer ta’ eSkills Malta Foundation, qal li: “L-EU code week hija ċelebrazzjoni ta’ coding, li hija ħila importanti mhux biss għal dawk li jidħlu fil-qasam tal-ICT iżda għal kulħadd. Din l-inizjattiva hija abbinata mal-proġetti tal-Kodiċi għall-Ewropa, li għandhom l-għan li jtejbu l-ħiliet diġitali madwar l-Ewropa. Dawn il-ħiliet huma essenzjali għat-trawwim tal-familjarità u l-kunfidenza mat-teknoloġija, li jippermettu li aktar individwi jidħlu b’mod effettiv fid-dinja diġitali.”
Għal aktar informazzjoni fuq EU Code Week wieħed jista’ jżur il-link eskills.org.mt/initiative/eu-codeweek-2024/ kif ukoll jista jżur il-paġna ta’ Facebook – https://www.facebook.com/CodeEUMalta
Ritratti: DOI/MEEP




