-
Digital skill level
Matul is-semestru li għadda, l-eSkills Malta Foundation u n-National School Support Services ikkoordinaw b’suċċess tnax-il żjara tal-industrija għall-istudenti tad-disa’ sena madwar tnax-il skola tal-gvern biex jipprovdu l-possibilita’ li l-istudenti jitgħallmu dwar it-Teknoloġija tal-informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). Dawn iż-żjarat kienu mfasla bir-reqqa biex juru lill-istudenti l-impjiegi differenti li jistgħu jagħmlu f’ dan il-qasam u x ‘opportunitajiet jeżistu f’organizzazzjoni. L-iskejjel li pparteċipaw kienu: l-Iskola Sekondarja taż-Żejtun u ta’ Santa Lucija li jagħmlu parti mil-Kulleġġ St. Thomas More, iż-żewgt t’iskejjel Sekondarji tal-Mosta li jagħmlu parti mil-Kulleġġ Maria Regina, l-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke li tagħmel parti mil-Kulleġġ ta’ Santa Klara, l-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli li tagħmel parti mil-Kulleġġ ta’ San Nikola, l-Iskola Sekondarja ta’ l-Imrieħel li tagħmel parti mil-Kulleġġ Santa Tereża, l-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun li tagħmel parti mil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, l-Iskola Sekondarja ta’ Ħal-Kirkop li tagħmel parti mil-Kulleġġ San Benedittu, l-Iskola Sekondarja tal-Verdala li tagħmel parti mil-Kulleġġ Santa Margerita, l-Iskola Sekondarja tal-Ħandaq li tagħmel parti mil-Kulleġġ Sant’Injazju, u l-Iskola Sekondarja tar-Rabat li tagħmel parti mil-Kulleġġ ta’ Għawdex. Dawn iż-żjarat kienu mfasla bir-reqqa biex juru lill-istudenti l-impjiegi differenti li jistgħu jagħmlu f’ dan il-qasam u x ‘opportunitajiet jeżistu f’organizzazzjoni.
Matul dawn iż- żjarat, l-istudenti raw kif taħdem kull kumpanija u x’ jagħmilhom uniċi. Xi wħud kienu kumpaniji kbar, filwaqt li oħrajn kienu iżgħar. L-għan ewlieni ta’ dawn iż- żjarat kien li jgħinu lill-istudenti jaraw kif l-affarijiet li jitgħallmu fil-klassi jintużaw fil-ħajja reali. Huma ltaqgħu wkoll ma’ ħaddiema li jaħdmu f ’dawn il-kumpaniji. Dawn il-ħaddiema tkellmu mal-istudenti dwar l-impjieg tagħhom u tawhom parir dwar kif għandhom jibdew il-karrieri tagħhom. Dawn iż- żjarat għenu lill-istudenti jitgħallmu dwar impjiegi differenti fl-ICT u ġabuhom eċċitati dwar il-ħidma f’ dan il-qasam. Barra minn hekk, permezz ta’ dawn iż- żjarat, l-istudenti bdew relazzjoni mal-professjonisti tal-industrija tal-ICT. Dawn l-interazzjonijiet ispiraw lill-istudenti biex isegwu l-passjonijiet tagħhom u pprovdewlhom mentorship u gwida siewja hekk kif jinnavigaw il-perkorsi futuri tal-karriera tagħhom. Dan sar possibbli grazzi għall-kumpaniji kollha li kkolaboraw f’din l-inizjattiva.
Dawn iż-żjarat fl-industrija pprovdew lill-istudenti għarfien dwar il-qasam varjat u vibranti tal-ICT, li jkopri l-iżvilupp tas-software, it-telekomunikazzjonijiet, in-networking, ir-realta virtwali, it-teknoloġiji tas-servers, it-twissijiet proattivi (proactive alerts), u l-konsulenza dwar l-IT. Fid-dinja diġitali tal-lum, l-importanza tal-edukazzjoni dwar l-ICT qatt mhi biżżejjed. Hekk kif it-teknoloġija tavvanza, id-domanda għal individwi b’ħiliet diġitali ssir dejjem aktar importanti. Billi nipprovdu lill-istudenti b’ opportunitajiet biex jesploraw l-industrija tal-ICT first-hand, mhux biss qed inħejjuhom għal karrieri futuri iżda wkoll qed nattrezzawhom bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jirnexxu f’ xenarju teknoloġiku li dejjem ser jinbidel. Dawn iż-żjarat fl-industrija esponew lill-istudenti għal firxa wiesgħa ta’suġġetti u traġitti ta’ karriera f’ dan il-qasam, u komplew jenfasizzaw is-sinifikat tal-edukazzjoni fl-ICT.
L-impatt ta’ dawn iż-żjarat fl-industrija huwa profond, u jilħaq ferm lil hinn mill-klassi. Dawn iż-żjarat huma katalisti għat-tkabbir personali u professjonali, li jinkuraġġixxu lill-istudenti biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom u jagħżlu karrieri fl-ICT li ha jagħtuhom sodisfazzjon. Dan is-suċċess huwa dovut lill-kumpaniji sħab tagħna, li l-appoġġ u l-impenn tagħhom biex irawmu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja diġitali huma imprezzabbli. Flimkien, qed infasslu l-futur tat-teknoloġija u nagħtu s-setgħa lill-istudenti biex jirnexxu f’dinja dejjem aktar diġitali. Hekk kif inkomplu nsostnu l-impenn tagħna li nipprovdu edukazzjoni inklussiva, inizjattivi ta’ tagħlim esperienzjali bħal dawn se jibqgħu integrali għall-missjoni tagħna li nrawmu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mexxejja tal-industrija fit-Teknoloġija tal-informazzjoni u l-Komunikazzjoni.




